Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020 – titħabbar id-data u l-mistednin speċjali

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iħabbar id-dati u l-mistieden speċjali għall-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Is-seba’ edizzjoni tal-Festival se ssir bejn l-Erbgħa 25 u l-Ġimgħa 27 ta’ Marzu fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta, u se jkun qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università u l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tad-Dipartiment tal-Ingliż (DESA).

Il-mistieden speċjali huwa l-poeta, kittieb ta’ tifkiriet awtobijografiċi u proża Mark Doty. Doty kien l-ewwel Amerikan li rebaħ il-Premju T.S. Eliot fir-Renju Unit fl-1995, u fl-2008 rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-Istati Uniti bil-ktieb Fire to Fire: new and selected poems (HarperCollins, 2008). Huwa l-awtur ta’ diversi ġabriet poetiċi, fosthom Bethlehem in Broad Daylight (D.R. Godine, 1991), A Swarm, A Flock, A Host: A Compendium of Creatures (Prestel, 2013), u Deep Lane (W.W. Norton, 2015) u anki ġabriet ta’ memoirs bħal Firebird (HarperCollins, 1999), Still Life with Oysters and Lemon: On Objects and Intimacy (Beacon Press, 2000) u Dog Years (HarperCollins, 2007). Doty kemm-il darba tqabbel ma’ poeti bħal James Merrill, Walt Whitman u C.P. Cavafy minħabba l-eleganza u l-intelliġenza fil-versi tiegħu.

Doty se jkun magħna waqt il-Festival għal tliet attivitajiet speċjali, waħda kuljum. L-Erbgħa 25 ta’ Marzu jkun parti minn panel li se jiddiskuti l-letteratura queer, il-Ħamis 26 ta’ Marzu jipparteċipa f’sessjoni ta’ klabb tal-kotba ma’ studenti universitarji, imbagħad il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu jkun intervistat dwar il-kitba tiegħu. Aktar tard ikun wieħed mill-qarrejja waqt il-Palk Ħieles organizzat minn Inizjamed, li se jkun bit-tema tal-letteratura tal-protesta. Dis-sena ħsibna li namalgamaw il-kunċert tal-mużika, li s-soltu nagħlqu bih, mal-Palk Ħieles.

F’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija, u l-Istudji fl-Interpretar se jkollna magħna wkoll lit-teorista u skular tal-letteratura komparattiva, Prof. Susan Bassnett, li se tkun intervistata minn Prof. Clare Vassallo. Prof. Bassnett hija l-awtriċi ta’ 20 ktieb, fosthom Translation Studies li kien ippubblikat fl-1980 u minn dakinhar baqa’ dejjem jiġi pprintjat minħabba li sar ktieb importanti ferm fl-għalqa tat-traduzzjoni. Ktieb ieħor seminali huwa Comparative Literature (1993) li nqaleb f’diversi ilsna. L-aktar xogħlijiet riċenti tagħha huma Political Discourse, Media and Translation (2010), miktub ma’ Cristina Schaeffner, u Reflections on Translation (2011). Minbarra r-riċerka akkademika tagħha u l-kontribut ġurnalistiku f’bosta gazzetti internazzjonali, Prof. Bassnett tikteb ukoll il-poeżija.

L-għan tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus hu li jippromwovi l-letteratura u jagħti spazju lill-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba biex jiltaqgħu, jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom ma’ udjenza matura bħalma huma l-istudenti fil-livill postsekondarju u terzjajru. Il-Festival huwa mimli b’attivitajiet li jvarjaw minn workshops u films marbuta mal-letteratura, sa qari u intervisti ma’ awturi u illustraturi, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-lingwa, dawriet iggwidati mal-Librerija tal-Università, mużika lokali u għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet oħra.

Il-pubblikaturi li se jieħdu sehem dis-sena huma Merlin Publishers, Midsea Books/Klabb Kotba Maltin, BDL, Horizons, EDE Books, SKS, Faraxa Publishing, Pjattaforma u Infinity Books li se jkollhom il-kotba għall-bejgħ. Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ huma: l-Erbgħa 25 u l-Ħamis 26 ta’ Marzu mid-9am sal-4pm, u l-Ġimgħa 27 ta’ Marzu mid-9am sat-8pm. Il-Festival miftuħ għal kulħadd, u d-dħul huwa b’xejn.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet se joħroġ daqt. Ibqgħu segwu s-sit tal-KNK u l-paġna tal-Facebook tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus għall-aħħar aġġornamenti.

Tistgħu wkoll tikbtu lil Matthew Borg ([email protected]) mill-KNK, lil Romario Sciberras ([email protected]) mill-Għaqda tal-Malti – Università, jew lil Matthew Cilia ([email protected]) mid-DESA.