Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet, u l-Jum Il-Libreriji 2023, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ingħaqad ma’ Lovin Malta biex jiżvela t-tema għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena li se jittella’ bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru.

It-tema għall-Festival ta’ din is-sena se tkun #kotbakitbauaktar li permezz ta’ diversi attivitajiet se tiġi esplorata r-rabta bejn il-letteratura u forom ta’ arti oħra, u l-mod intriganti kif jikkumplimentaw u jixprunaw lil xulxin. 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jemmen li l-kotba huma importanti għall-kultura u s-soċjetà ta’ pajjiż, u mhux biss f’Jum il-Ktieb. Il-letteratura u l-kotba jedukaw, jispiraw, jiktbu l-istorja, u jippromwovu il-ħsieb kritiku u l-kreattività. Fl-istess ħin jipprovdu pjattaforma għal vuċijiet u opinjonijiet diversi. Ta’ kuljum, il-KNK jimbotta ’l quddiem iċ-ċelebrazzjoni tal-ktieb u l-letteratura biex tinħoloq soċjetà mgħarrfa, umana, u moħħha miftuħ. 

Segwu l-intervista mal-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, li fiha jitkellem dwar l-importanza tal-qari, u jagħti dewqa ta’ x’hemm lest għalikom fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena.

Happy World Book and Copyright Day #beyondbooks

Niżżlu d-data u ibqgħu magħna għax fix-xhur li ġejjin se jkollna aktar dewqiet żgħar għalikom! 

Il-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet 2023 it-tajjeb!


Share Article