Jeddijiet tas-Self Pubbliku

10380251_10152487123287456_6908663300090700140_o

 

JEDDIJIET TAS-SELF PUBBLIKU (PLR) – REMUNERAZZJONI GĦAL SELF TA’ KOTBA MINN LIBRERIJI PUBBLIĊI F’MALTA U GĦAWDEX

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb introduċa skema ta’ remunerazzjoni li minnha jibbenefikaw awturi li l-kotba tagħhom jistgħu jiġu mislufa mill-Libreriji Pubbliċi ta’ Malta u Għawdex. Din l-iskema jibbenefikaw minnha wkoll:

i) ko-awturi ta’ pubblikazzjoni.*

ii) illustraturi u fotografi responsabbli għal 50% jew aktar tal-kontenut tal-pubblikazzjoni – generalment f’każi ta’ kotba għat-tfal fejn l-illustrazzjonijiet għandhom rwol essenzjali daqs il-kitba.*

iii) edituri responsabbli li jgħaqqdu diversi kontribuzzjonijiet minn awturi differenti għal pubblikazzjoni waħda. **

 

* F’każijiet fejn ktieb għandu żewġ awtri jew aktar – kemm jekk huma ko-awturi, illustraturi jew fotografi – il-pagament jinqasam ugwalment bejniethom kollha.

** F’każijiet fejn l-editur huwa responsabbli li li jgħaqqad diversi kontribuzzjonijiet minn awturi differenti għal pubblikazzjoni waħda, il-pagament jingħata lill-editur.

 

Importanti li kull pubblikazzjoni li titnizzel fl-applikazzjoni:

i)  tkun reġistrata b’ISBN maħruġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

ii) tkun konformi mal-liġi tad-depożitu legali li tirrikjedi li żewġ kopji ta’ kull pubblikazzjoni għandhom ikunu diġa ddepożitati l-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta.

 

Awtur/Editur jew Ko-Awtur/Fotografu/Illustratur jista’ japplika billi jibgħat kopja tal-formola tal-applikazzjoni (titnizzel mill-ħolqa ta’ hawn taħt jew tintbgħat permezz ta’ e-mail fuq  joe.debattista@gov.mt) u magħha jehmeż bibliografija dettaljata ta’ pubblikazzjonijiet li tispeċifika:

a) Titlu tal-Pubblikazzjoni

b) Isem u Kunjom

c) Rwol fil-Pubblikazzjoni

d) ISBN

 

Remunerazzjoni għas-self toħroġ kull 3 xhur skond statistika tas-self fuq il-kotba kollha kif miġbura mill-Libreriji Pubblii ta’ Malta u Għawdex, inklużi l-fergħat u dawk reġjonali. Il-fondi allokati għal kull perjodu huma maqsuma perċentwalment skond listess statistika u l-pagamenti joħorġu f’ċekkijiet mibgħutha lill-applikanti bil-posta.

 

Biex tavża lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb b’xi bdil fl-applikazzjonijiet diġa sottomessi, huwa neċessarju li l-applikant jimla formola mill-ġdid u jibgħatha lis-Segretarju, Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, c/o Librerija Pubblika Ċentrali, Triq Prof. J. Mangion, Furjana FRN1800 (Tel. +356 21222654). L-applikant jirċievi konferma u riċevuta għall-applikazzjoni tiegħu.

 

Formola ta’ applikazzjoni tista’ titniżżel minn hawn:

PLR application form

 

 

.