Ħareġ il-programm uffiċjali tal-avvenimenti fil-Festival Nazzjonali tal-ktieb (verżjoni għall-mowbajl hawnhekk). Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jippubblika l-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li dis-sena se jsir bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru, Dar il-Mediterran.

Il-programm jinkludi aktar minn disgħin attività mqassmin fuq ħamest ijiem, li jvarjaw minn tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, konferenzi u taħditiet sa drammatizzazzjonijiet, premieres ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, workshops, seminars u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal. Dawn l-attivitajiet tħejjew kemm mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u msieħba oħra bħall-pubblikaturi, il-kittieba, il-bejjiegħa tal-kotba, l-għaqdiet studenteski, l-NGOs u aġenziji pubbliċi involuti fl-industrija tal-ktieb. Il-programm ta’ filgħodu huwa maħsub għalihom, b’attivitajiet li jqarrbuhom lejn il-qari u l-letteratura.

Il-mistiedna internazzjonali għall-edizzjoni ta’ dis-sena hi l-Imħallef Rosemarie Aquilina, li kisbet fama internazzjonali fl-2018 meta ppresediet fuq il-każ t’abbuż sesswali fit-Tim tal-Ġinnastika tal-Istati Uniti. Bint emigrant Malti u emigranta Ġermaniża, hija wkoll magħrufa bħala kelliema voċifera għad-drittijiet tal-mara, fl-awla u lil hinn minnha. Hija wkoll kittieba tar-rumanzi polizjeski Feel No Evil (2003, Porch Swing Press) u Triple Cross Killer (2017, Fiery Seas Publishing). Aquilina se tkun qed tieħu sehem f’attivitajiet varji, u l-pubbliku għandu ċ-ċans li jsir jafha kemm bħala mħallef prominenti, kittieba u anki attivista.

Bħal kull sena l-Festival jiftaħ bil-konferenza ewlenija, li dis-sena jisimha ‘Strange New Worlds’, l-Erbgħa 6 ta’ Novembru. Id-diskussjoni se tkun dwar l-irwol u l-perċezzjoni tal-ġeneru tal-fantaxjenza fid-dinja letterarja, u se titmexxa mit-traduttur u kittieb tal-fantaxjenza Mark-Anthony Fenech. Il-mistiedna l-oħra tal-Festival huma Loranne Vella, l-awtriċi bbażata Brussell u rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 bir-rumanz tagħha Rokit (Merlin Publishers); l-awtur Brittaniku mwieled Malta Jon Courtenay Grimwood; ir-rumanziera Amerikana Kali Wallace; u l-kittieb Irlandiż Dave Rudden. Kull wieħed minn dawn se jkollhom l-attivitajiet iddedikati lilhom u l-pubbliku mħeġġeġ jattendi biex jiltaqa’ ma’ dawn il-personalitajiet letterarji.

Fost l-attivitajiet prinċipali mtellgħin mill-KNK, il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru se jitħabbru r-rebbieħa tal-ewwel Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef f’ċerimonja akkumpanjata mill-qari ta’ Nadia Mifsud u Louis Briffa. Is-Sibt 9 ta’ Novembru se jkunu qed jintwerew għall-ewwel darba żewġ produzzjonijiet awdjoviżivi f’lejla ddedikata lix-xogħol tal-kittieb Alfred Sant. Il-film qasir Ġulina, b’direzzjoni ta’ Peter Sant huwa addattament tan-novella tal-istess isem u ffinanzjat mill-konkors tal-KNK għall-films qosra. Se jintwera wkoll l-ewwel episodju mis-serje ta’ dokudrama ‘Storja ta’ Storja’ bi produzzjoni tal-kumpanija Sajjetta. Il-kontribut ta’ Dr. Lillian Sciberras, li ngħatat il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2018, se jkun qed jiġi ċċelebrat f’attività apposta l-Ħadd filgħaxija.

It-tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba ma jonqsu qatt fil-Festival. Fosthom hemm pubblikazzjonijiet ġodda minn eżebituri bħal BDL, Faraxa Publishing, Għaqda tal-Malti – Università, Horizons, Merlin Publishers, Midsea Books u Klabb Kotba Maltin. Pubblikazzjonijiet oħra ta’ min wieħed jinnota huma l-ktieb Tritoni – The Rebirth of an Iconic Fountain ippreżentat mill-Ministeru Għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. Il-ktieb jipprovdi rendikont storiku tal-Funtana u l-impatt soċjali tagħha. L-Istituto Italiano di Cultura se jniedi Sotto il Fuoco, traduzzjoni għat-Taljan tal-ktieb ta’ Ġużè Ellul Mercer, bi preżentazzjoni minn Arnold Cassola. Bi stedina tal-Ambaxxata ta’ Spanja f’Malta, il-kittieb Spanjol Jorge Molist se jkun qed jippreżenta rumanz storiku ambjentat f’Malta tal-1283, f’nofs il-battalja bejn l-Aragoniżi u l-Anġevini. Bis-sehem tal-kittieb Alfred Sant u l-istoriku Vincent Zammit se jiġi diskuss l-effett tar-rumanz storiku fil-Mediterran.

Bħalma jiġri kull sena, il-KNK jinkuraġixxi lit-tfal jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kultura tal-ktieb. Għadd ta’ eżebituri se jkunu qed jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, fosthom Malta Libraries, il-German-Maltese Circle mad-Dipartiment tal-Ġermaniż tal-Università ta’ Malta, Milan Haluska, Faraxa Publishing, Merlin Publishers, u t-Tagħlim t’Ilsna Barranin. Grupp ta’ atturi professjonali mmexxija minn Antonella Axisa se jtellgħu xows kuljum għat-tfal tal-iskola, ibbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tal-2018. Il-Ġimgħa filgħodu l-kittieb u attur Dave Rudden se jtella’ xow speċjali għal studenti tas-sekondarja. Se jaqra u janima biċċiet mit-triloġija fantaxjentifika tiegħu, rebbieħa ta’ premji letterarji. L-attività ‘Promoturi tal-Qari’, imtellgħa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, tkun mistennija sew, għax fiha jiġu ppremjati tfal li eċċellaw fil-qari jew li b’għemilhom għenu lil ħaddieħor jitjieb f’dil-ħila.

Ix-xows ta’ DANUSAN se jerġgħu jittellgħu b’wirjiet ibbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ dis-sena, li jitħabbru fis-serata li tiftaħ il-Festival. ‘Il-Kotba jieħdu l-Ħajja’ huma tliet xows għall-familja kollha li jenfasizzaw l-importanza tal-kotba u l-qari: il-Ġimgħa fis-7pm, is-Sibt fit-8pm u l-Ħadd fit-3pm.

Ħaġa ġdida għal dis-sena huwa l-aċċess għall-Festival b’servizz ta’ trasport b’xejn kull nofs siegħa minn Bay A tat-Terminus tal-Belt lejn Dar il-Mediterran u lura. Is-servizz huwa pprovdut minn Malta Public Transport.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (www.ktieb.org.mt) u l-paġna tal-FB tal-Festival, Malta Book Festival 2019, għall-aħħar aġġornamenti dwar l-attivitajiet u l-ħinijiet tal-ftuħ.

 


Share Article