Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019: l-attivitajiet u l-awturi

L-akbar ċelebrazzjoni tal-ktieb fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, din is-sena se jiftaħ b’konferenza letterarja dwar il-ġeneru tal-fantaxjenza. It-titlu tal-konferenza se jkun ‘Strange New Worlds: a conference on science fiction and fantasy literature’. L-avveniment se jseħħ l-Erbgħa, 6 ta’ Novembru, fis-7pm fl-Activity Area Sala Sacra Infermeria f’Dar il-Mediterran. Il-parteċipanti għal dis-sena huma Loranne Vella, il-kittieba Maltija bbażata fi Brussell li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018 b’Rokit (Merlin Publishers); John Courtenay Grimwood li twieled Malta u bbażat ir-Renju Unit; ir-rumanziera Amerikana Kali Wallace; u l-kittieb Irlandiż Dave Rudden.

Id-diskussjoni se tkun immexxija minn Mark Anthony Fenech, l-awtur tal-epika fantaxjentifika bil-Malti It-Tawmaturgu (Horizons), u se tiġi indirizzata s-sinjifikanza u l-irwol ta’ dan il-ġeneru letterarju, kif ukoll kif inhu perċeput dan il-ġeneru fid-dinja letterarja u l-potenzjal tiegħu li jġiegħel lill-qarrej jara d-dinja mill-ġdid. L-udjenza se tkun tista’ tinteraġixxi mal-mistiedna billi tistaqsi jew tgħaddi xi kummenti.

Bħalma ġara fis-snin ta’ qabel, il-mistiedna tal-konferenza se jkollhom attivitajiet oħra mxerrda tul il-jiem tal-Festival, fosthom attività dwar l-awtur il-Ħamis 7 u l-Ġimgħa 8 ta’ Novembru waranofsinhar. Loranne Vella se tkun intervistata minn Walid Nabhan, kittieb ieħor rebbieħ ta’ premji letterarji prestiġjużi, dwar il-karriera artistika tagħha u dwar kif ir-rebħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb affettwahielha. Se jiġi diskuss ukoll x’kien l-impatt ta’ ktieb distopiku u fantaxjentifiku fuq il-letteratura lokali. Teodor Reljić se jkun qed jitkellem ma’ Kali Wallace dwar il-volum tal-kitba tagħha, li jvarja minn kotba kult tal-letteratura għaż-żgħażagħ bħal Shallow Graves, The Memory Trees and City of Islands, sa xogħlijiet aktar riċenti bħal Salvation Day u l-ewwel rumanz tagħha għall-kbar. Il-kittieb prolifiku Jonathan Courtenay Grimwood se jkun intervistat mill-artist Malti u qarrej ferventi John Grech. Grimwood kiteb bosta kotba ta’ ġeneri differenti, fosthom il-fantaxjenza u r-rumanzi polizjeski; jiffirma bi tliet ismijiet differenti, u se jkun qed jipparteċipa fl-attivitajiet waqt il-Festival b’dawn l-ilbiesi differenti. Il-ġurnalist mill-Malta Today David Hudson se jkun qed jitkellem mal-awtur u rakkuntatur tal-istejjet Irlandiż Dave Rudden, l-awtur fantaxjentifiku tat-triloġija li kisret rekords tal-bejgħ Knights of the Borrowed Dark u ktieb ieħor fis-sensiela ta’ stejjer Doctor Who tal-BBC. Kull diskussjoni se tkun segwita minn sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba u firem tal-kotba mal-udjenza.

It-traduzzjoni letterarja se terġa’ ssib ruħha fl-edizzjoni tal-Festival ta’ dis-sena, b’seminar li fih se jkun hemm sessjoni ta’ traduzzjoni, u li se jkun immexxi minn Prof. Clare Vassallo (mid-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Istudji tal-Interpretar) nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru filgħodu. Se jiġi diskuss il-fenomenu tal-code-switching, partikularment kif ħareġ fir-rumanz ta’ Alex Vella Gera Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi (Merlin Publishers) u l-istrateġiji li t-tradutturi jużaw biex jaqilbu xogħol bil-code-switching.

Il-Ġimgħa hu jum il-poeżija waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u dis-sena se nkunu qed niċċelebraw dan il-ġeneru biċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, li huwa opportunità tajba għal kittieba ġodda u oħrajn stabbiliti biex jaqsmu flimkien il-kriterji ta’ poeżija tajba. Il-konkors huwa msemmi f’ġieħ il-poeta Doreen Micallef, waħda mill-aktar vuċijiet distinti tal-ġenerazzjoni tagħha, vuċi li kienet intima, konfessjonali u femminili.

Il-proġett rebbieħ tal-Konkors Letterarju ta’ Films Qosra 2019 huwa ‘Ġulina’, il-proposta magħżula tal-kumpanija tal-film Hereonin biex tadatta n-novella ta’ Alfred Sant li ġġib l-istess isem. Il-film, li bħalissa għadu fil-fażi ta’ produzzjoni, se jkun qed jintwera għall-ewwel darba waqt il-Festival f’avveniment li fih se tkun qed jiġi diskuss l-adattament tal-film mad-direttur Peter Sant, u l-awtur. Dan se jsir is-Sibt 9 ta’ Novembru.

Il-Ħadd filgħaxija se jkun hemm avveniment iddedikat lil Lillian Sciberras, li rebħet il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba fl-2018. Se jkun hemm diskussjoni, qari u film b’intervista ma’ Lillian dwar il-karriera tagħha bħala librara u kittieba.

Il-programm sħiħ tal-avvenimenti joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Sadanittant, il-pubbliku mistieden jibqa’ jsegwi s-sit u l-paġna tal-Facebook tal-KNK biex iżomm ruħu aġġornat.