Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – joħroġ il-poster ta’ din l-edizzjoni

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jippreżenta bi pjaċir il-poster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru Dar il-Mediterran.

Ix-xogħol illustrattiv fuq il-poster sar minn Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna bix-xogħol fuq id-disinn grafiku ta’ Steven Scicluna. Moira, Mark u Steven huma ismijiet magħrufa għax-xogħol tagħhom, fost l-oħrajn fuq il-qoxra ta’ bosta kotba ppubblikati Malta u lil hinn minnha. Il-poster uffiċjali ta’ dis-sena jinkludi karattri famużi mil-letteratura dinjija tat-tfal, bħal Sherlock Holmes, it-Tifla tal-Barnuża Ħamra u l-kelb l-abjad liebes bħall-qattus f’wieħed mill-kotba ta’ Dr. Seuss.

 

 

Il-KNK reġa’ rnexxielu jassigura spazju akbar li fih se jsir il-Festival f’Dar il-Mediterran, li jinkludi sala oħra ddedikata għall-bejjiegħa tal-kotba u l-NGOs fejn se jsiru attivitajiet varji bħal preżentazzjonijiet ta’ kotba, diskussjonijiet, tnedijiet u attivitajiet relatati mal-kultura. Il-programm sħiħ jiġi ppubblikat f’Settembru u aktar tard jitqassam f’forma stampata fid-djar kollha f’Malta u Għawdex. Fil-ġimgħat li ġejjin il-KNK iħabbar l-ismijiet tal-mistiedna barranin, fosthom ukoll il-mistieden speċjali għal dis-sena.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jiftaħ b’mod privat it-Tlieta 10 ta’ Novembru b’ċerimonja li fiha jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2020 għall-aħjar kotba tat-tfal u l-adolexxenti ppubblikati fl-2019. L-attivitajiet ta’ filgħaxija jiftħu l-Erbgħa 11 ta’ Novembru bil-konferenza. Dis-sena t-tema tal-konferenza ewlenija tal-Festival se tkun l-esperjenza tat-traduzzjoni ta’ kittieba Maltin f’lingwi oħra. Il-Festival se jkun miftuħ għat-tfal tal-iskola filgħodijiet fost il-ġimgħa. Qed jitħejja għalihom programm kulturali speċjali u attivitajiet magħmula biex jitgħallmu waqt li jieħdu pjaċir, fosthom biċċiet teatrali, qari u laqgħat mal-kittieba.

Il-KNK qiegħed isegwi l-aħħar żviluppi tal-miżuri Covid-19 tal-Gvern biex inkunu fl-aħjar pożizzjoni li nipprovdu esperjenza sabiħa imma sigura għal kulħadd.

Dawk l-eżebituri potenzjali li għadhom ma bagħtux l-applikazzjoni mħeġġa biex jagħmlu dan minn hawnhekk. Is-sottomissjonijiet jibqgħu miftuħa sal-Ġimgħa 14 t’Awwissu f’nofsinhar.

Il-membri tal-pubbliku huma mħeġġa jsegwu l-paġna tal-FB tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-paġna uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 fuq  is-sit elettroniku tal-KNK għall-aħħar aġġornamenti.